top of page

Il-ġrajja tar-Relikwija 

Ferdinando I de Borbon (1751-1802), Prinċep ta’ Spanja u Duka ta’ Parma (1765-1802) bena knisja u kunvent għad-Dumnikani f'Colorno, ħdejn Parma, biswit il-palazz tiegħu. Peress illi huwa kien ried jgħaqqad kollezzjoni kbira ta’ relikwi, kiseb għal din il-Knisja bosta fdalijiet ta’ qaddisin biex isir urna prezzjuża. Fost il-bosta fdalijiet ta’ qaddisin kien hemm riġel u driegħ ta’ San Tumas t’Akwinu, is-sinsla tad-dahar ta’ San Vinċenz Ferrer, u żewġt iswaba’ u żewġt’isnien ta’ San Pietru ta’ Verona.

Sa l-1766 f’din l-urna nsibu li kienu diġà tqiegħdu żewġ briksiet miċ-ċella  fil-kunvent ta’ Bologna  fejn, skond tradizzjoni antika, miet San Duminku. Din l-urna baqgħet tarrikkixxi ruħha b’diversi relikwi ta’ San Duminku. Infatti, il-Gran Duka tat-Toskana Leopoldu I kien kiseb mingħand in-neputi tiegħu sinna tal-qaddis li kienet ingħatat lilu mill-Kunvent ta’ Bologna fl-1699, taħt pressjoni mill-Kardinal Francesco dei Medici, li oriġinarjament xtaqha għal ħuh il-Gran Duka Cosimo III. Fl-urna kien hemm ukoll żewġ paġni mill-brevjar ta’ San Duminku, u biċċa mill-velu li kien ikopri l-immaġni ta’ San Duminku ta’ Soriano.

Ferdinando_de_Parma1.jpg
Baltasar_de_Quiñones.jpg

Minkejja dawn l-oġġetti tant sagri u prezzjużi Ferdinandu xorta waħda ma kienx sodisfatt, u fl-1784 kien aktar ambizzjuż fit-talba tiegħu. Din id-darba talab illi jkollu relikwja mill-korp sagru ta’ S. Duminku. Meta Ferdinandu ra illi ma setax jikseb l-awtorizzazzjoni direttament mingħand il-Majjistru Ġenerali tal-Ordni, Balthasar de Quiñones (1777-1798), fittex direttament is-sapport tal-Arċisqof ta’ Bologna, il-Kardinal Andrea Gioannetti (1722-1800), li dan min naħa tiegħu talab direttament lill-Papa Piju VI. B'digriet pontifikali qasir tat-2 ta’ Diċembru 1783, il-Papa ordna lill-Kardinal Gioannetti biex jieħu u jagħti lid-Duka:

 

aliquam sancti Dominici calvariae particam, quae [...] in dicta ecclesia conventus Ordinis Praedicatorum Bononien. Asservatur [...] ita ut calvaria huiusmodi extrinsecus neutiquam deformis appareat."

(xi parti mill-kranju...li jinsab fil-knisja konventwali tal-Ordni tal-Predikaturi f'Bolonja. Dan għandu jsir b'attenzjoni...sabiex il-kranju, maqtugħ f'dan ilmod, ma joħloqx deformazzjoni viżibbli)

Il-qtugħ sar filgħaxija tal-15 ta’ Jannar 1784, fil-preżenza tal-Arċisqof Gioannetti, żewġ deputati senaturi u ftit persuni oħra. Il-kappillan Don Luigi Dardani, inkarigat mill-fdalijiet għall-arċidjoċesi ta’ Bologna, wettaq il-qtugħ b'serrieq imħejji għal dan il-għan. Il-kranju kellu jitteħidlu rettangolu mill-qorriegħa ta’ 11.12x7.4ċm, li tikkonsisti fil-parti ta’ quddiem tal-għadam frontali u ż-żewġ partijiet ta’ fuq li jikkorrispondu mal-għadam parjetali. Meta l-qawwiet ta’ Napuljun ħabtu għad-Dukat ta’ Parma, il-Prinċipessa Carlotta, bint id-Duka Ferdinando, illi fl-1797 kienet irċeviet l-abitu Dumnikan bl-isem ta’ Swor Ġjaċinta Domenica, ġiet imġiegħla tabbanduna Colorno, sabiex issib kenn f’Ruma fil-monasteru ta’ SS. Domenico u Sisto.

Il-prinċipessa ħadet magħha r-relikwi ta’ San Duminku, fejn baqgħu hemm sal-1901, meta il-Majjistru Ġenerali Andrea Frühwirth talab lis-sorijiet għal waħda mir-relikwi ta’ San Duminku fil-pussess tagħhom, biex jonora talba li rċieva mill-bażilika ta’ Santa Clotilde f'Reims. Is-sorijiet għaddew is-snien li Leopold tat-Toskana kien ta lil ħuh fl-1766. Madankollu, Frühwirth qasam is-sinna f'żewġ partijiet u waħda bagħatha f’Reims, filwaqt li l-oħra żammha għalih innifsu u sal-lum għadha fil-kurja ġenerali tad-Dumnikani f'Santa Sabina f'Ruma.

Matul l-istorja, ir-relikwija tal-Kranju sofriet aktar qasmiet. Fl-1910, fuq ordni tal-Majjistru Ġenerali l-Beatu Ġjaċint Cormier (1904-1916), ittieħdet strixxa ta’ l-għadam frontali tad-daqs 12x59ċm, fl-okkażjoni tat-trasferiment tal-Kurja Ġenerali u tal-Università Angelicum għal S. Vitale f'Ruma. L-aħħar ċesura seħħet propju kważi mitt sena ilu fl-1921 fl-okkażjoni tas-seba’ ċentinarju tal-mewt ta' San Duminku. Is-sorijiet iddeċidew li jirrestawraw ir-relikwarju, li fih kien hemm biċċa diġà maqtugħha mill-qorriegħa. Dawn ħasbu li jkomplu jneħħu l-biċċa li kienet diġà frammentata u maqsuma biex tkun tista’ titqiegħed għad-devozzjoni tal-poplu. Fl-1931 il-biċċa tal-Kranju, li kienet maqtugħa darbtejn, ġiet trasferita lejn il-Monasteru l-ġdid ta’ San Duminku u San Sistu fuq Monte Mario fejn għadu ppreservat sal-lum, u li s-sena d-dieħla ser nilqgħu fostna fil-Birgu.

51846799_127270536836_edited.jpg
Relikarju
Ir-Relikwarju bil-Kranju ta' Missierna
San Duminku Kif jidher illum.
bottom of page